FITTEX L-GĦAJNUNA: Malta
Abortion Support Network tgħin nies minn Malta li għandhom bżonn isiefru għal abort legali, jew li qed ifittxu informazzjoni dwar aġenziji reputabbli li jipprovdu pilloli – li huma sikuri pero’ illegali – għal abort mediċinali. Jekk qed tikkunsidra li tordna pilloli minn fuq l-internet, jekk jogħġbok l-ewwel aqra din l-informazzjoni.
Jekk għandek bżonn issiefer għal abort, Abortion Support Network tista’ tipprovdi:
- Informazzjoni dwar kif tippjana l-vjaġġ u l-proċedura bl-inqas spiża possibli
- Assistenza finanzjarja
- Pariri dwar akkomodazzjoni
- Pariri bl-Ingliż, bil-Malti, u servizz ta’ traduzzjoni għal lingwi oħra
Għal iktar informazzjoni jew biex tiddiskuti ċ-ċirkustanzi tiegħek, jekk jogħġbok ċemplilna, inkella ibgħatilna messaġġ jew email.
Fuq din il-paġna:
- X’jiġri meta tikkuntattjana
- Pariri għal qabel ma ċċemplilna
- Dwar l-għajnuna li noffru
- Dwar kif iżżomm il-kuntatt magħna privat
X’jiġri meta tikkuntattja lil ASN
- Jekk ma nwieġbux it-telefonata tiegħek, jekk jogħġbok ħalli voicemail bin-numru tiegħek. Voluntiera ta’ ASN tikkuntattjak lura permezz ta’ telefonata jew email.
- Għandna voluntiera waħda li titkellem bil-Malti, u l-kumplament jitkelmu bl-Ingliż. Għal lingwi oħrajn noffru servizz ta’ traduzzjoni. Jekk għandek preferenza ta’ lingwa ħu ħsieb avżana.
- ASN tevalwa l-bżonn finanzjarju tiegħek u tipprovdi informazzjoni u pariri dwar metodi ta’ abort u vjaġġar bl-inqas spiża possibli, b’mod kunfidenzjali u mingħajr ġudizzju.
Jekk tiddeċiedi li ssiefer għal abort:
- Jekk jogħġbok tibbukjax il-vjaġġ tiegħek qabel tkun tkellimt ma’ ASN.
- Jekk nipprovdu għajnuna finanzjarja, ASN tħallas lill-klinika direttament, u b’hekk tnaqqas l-ammont li inti jkollok tħallas għall-proċedura.
- Tirranġa u tibbukja l-proċedura u t-trasport inti stess, bl-assistenza ta’ ASN, sabiex nġħinuk issib l-iktar mod konvenjenti u bl-inqas spiża possibli.
- Jekk il-proċedura tkun tirrikjedi li toqgħod lejl fil-pajjiż qabel terġa’ lura Malta, ASN tista’ tirranġa biex inti toqgħod ġo dar ta’ voluntiera (l-Ingilterra u l-Olanda biss), jew inkella tipprovdi informazzjoni dwar akkomodazzjoni rħisa. Il-voluntieri li jospitawk jipprovdulek post fejn toqgħod għal-lejl, ikel waqt li tkun għandhom, u xi drabi jistgħu jwasluk jew jiġbruk mill-klinika.
- Jekk inti taċċessa abort wara li tuża s-servizz tagħna, xi ħadd mit-tim jaf jikkuntattjak madwar 4-6 ġimgħat wara biex nistaqsuk dwar l-esperjenza tiegħek.
Pariri għal qabel ma ċċemplilna
- Jekk jogħġbok ċemplilna qabel ma tibbukja t-titjira jew mezzi oħra ta’ transport, speċjalment jekk m’għandekx biżżejjed flus biex tħallas għall-appuntament u t-titjira. Aħna ma nistgħux niggarantixxu li ħa jkolna biżżejjed fondi biex nappoġġjaw lil kull min jikkuntattjana. Għalhekk huwa importanti ħafna li inti tirranġa l-appuntament u l-ivjaġġar bl-inqas spiża possibli, sabiex aħna nkunu nistgħu ngħinu l-ikbar numru ta’ nies possibli.
- Jekk iċċemplilna qabel ma tibbukja l-appuntament fil-klinika, aħna nkunu nistgħu nagħtuk informazzjoni dwar il-kliniki bl-irħas rati, u l-iktar metodu ekonomiku ta’ vjaġġar.
- Jekk aħna naqblu li nistgħu ngħinuk finanzjarment jew li noffrulek post fejn toqgħod, ħa jkolna bżonn xi informazzjoni mingħandek. Dan jinkludi ismek, kemm hi avvanzata t-tqala, u ċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħek. Il-kommunikazzjoni tiegħek ma’ ASN hija bla ebda ġudizzju min-naħa tagħna, u nassigurawk li d-dettalji personali tiegħek jibqgħu privati. Jintużaw biss jekk ikun hemm bżonn li nirranġaw għal fondi mal-klinika.
- Il-voluntieri ta’ ASN mhux tobba jew counsellors, għaldaqstant m‘aħniex kwalifikati sabiex nagħtuk informazzjoni medika dwar l-abort jew biex ngħinuk tagħmel id-deċiżjoni tiegħek. Madankollu, aħna nistgħu nirreferuk għand organizzazzjoni ġo l-Ingilterra li tista’ tipprovdilek counselling jew konsultazzjoni medika fuq it-telefon qabel ma tivjaġġa (pero’ bl-Ingliż biss).
- Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nirrispondu l-voicemails, messaġġi, u emails f’temp ta’ jumejn. Pero’, il-linja tat-telefon hi mmexxija mill-voluntieri u m’huwiex dejjem possibli li nwieġbu t-telefonati minnufih. Jekk ma nwieġbukx dak il-ħin, jekk jogħġbok ħallilna voicemail bin-numru tat-telefon tiegħek.
- Aħna nistgħu nipprovdu informazzjoni dwar aġenziji reputabbli li jipprovdu pilloli għal abort mediċinali bil-posta. Jekk qed tikkunsidra li tordna pilloli minn fuq l-internet, jekk jogħġbok l-ewwel aqra din l-informazzjoni.
- ASN ma tistaqsix informazzjoni dwar il-ġeneru meta tikkomunika mal-klijenti. Dan ma jinfluwenzax l-eliġibbilta’ għal għajnuna finanzjarja.
Dwar l-għajnuna li noffru
Assistenza finanzjarja
L-għan ta’ ASN hu li tnaqqas l-ispejjeż għal min ikollu bżonn isiefer biex jaċċessa abort sikur u legali. Kull każ jiġi evalwat individwalment, u għajnuna finanzjarja tingħata skond iċ-ċirkustanzi tiegħek, waqt li tiddependi wkoll fuq il-fondi disponibbli. Bħala organizzazzjoni aħna għandna fondi limitati, pero’ nippruvaw ngħinu kemm nistgħu nisa li huma fil-bżonn. Għaldaqstant aħna nistennew li, kemm jista’ jkun, il-klijenti jirranġaw għal abort u vjaġġar bl-inqas spiża possibli.
Akkomodazzjoni
Jekk ikollok bżonn akkomodazzjoni ġo l-Ingilterra, ASN tagħmel l-almu tagħha sabiex issiblek post għand ospitanti voluntieri. Min jospitak jipprovdi post fejn toqgħod ġo darhom, ikliet, u jħalsu għat-transport lokali waqt li inti tkun magħhom. L-ospitanti ma jistgħux jakkomodaw tfal, u lanqas ma huwa possibli li tieħu tfal miegħek fil-klinika. Għaldaqstant jaf ikollok bżonn tagħmel arranġamenti għal childcare jekk dan ikun neċessarju.
Jekk tkun ser tqatta’ l-lejl ta’ qabel il-proċedura għand il-voluntiera, hi tirranġa biex tiltaqa’ miegħek f’post konvenjenti bejn l-ajruport u d-dar tagħha. Jekk ma ssifierx lura lejn Malta dakinhar stess tal-proċedura, il-voluntiera tgħaddi għalik mill-klinika u tieħdok id-dar tagħha. Il-voluntieri kollha ta’ Abortion Support Network jemmnu fid-dritt għall-abort, u kollha jiġu addestrati u preparati għal dan l-irwol.
Dwar kif iżżomm il-kuntatt magħna privat
Internet
Jekk taħseb li xi ħadd qed jgħasses dak li qed tfittex fuq l-internet, prova aċċessa l-internet minn post newtrali bħal dar ta’ ħbieb, ix-xogħol, internet café jew librerija lokali.
Jekk ma trid lil ħadd ikun jaf li żort din (jew kwalunkwe) sit elettroniku, tista’ tħassar il-‘browser history’. Inkella tista’ tuża ‘private browsing mode’, u b’hekk ma jkun hemm ebda informazzjoni dwar xi tkun fittixt fuq l-internet. Tista’ wkoll tħassar is-‘search history’ minn fuq Google, jew tuża DuckDuckGo, li hija ‘search engine’ mingħajr tracking.
Żomm f’moħħok illi s-sid jew l-amministratur tal-kompjuter xorta jista’ jkun jaf x’siti tkun żort fuq l-internet.
Jekk tixtieq tibgħatilna email mingħajr ma tħalli kopja fis-‘sent folder’ tiegħek, uża l-formola fuq il-paġna tagħna Ikkuntattjana.
Telefon
Fuq il-kont tat-telefon in-numru tagħna ser jidher, pero’ mhux l-isem tal-organizzazzjoni tagħna. Jekk għandek bżonn taħbi l-fatt li ċempiltilna, nissuġġerulek tikkunsidra li tuża servizz internazzjonali tat-telefon jew calling card.